Tuesday 5 July 2011

Pubblikazzjonijiet u Qari

            Huwa ta’ nkoraġġiment kbir li f’pajjiżna, kull sena tara numru tant kbir ta’ pubblikazzjonijiet ta’ kotba. Eżerċizzju bħal dan jagħmel tajjeb kemm għall-ilsien Malti, kif ukoll għall-awturi. Meta wieħed jifli dan kollu jifhem li hemm diversi nies imdaħħla f’dan ix-xogħol. L-ewwelnet għandek l-awtur, imbagħad dawk in-nies li jissetjaw it-test u jħejju l-qoxra għand il-pubblikatur. Wara jidħol is-sehem tal-bejjiegħa tal-ħwienet minn fejn il-konsumatur/qarrej jista’ jikseb kopja tax-xogħol mitbugħ.            Dan kollu juri li l-ħidma sfiqa u d-determinazzjoni għal tul ta’ żmien min-naħa tal-kittieb, tasal biex fi ftit ġimgħat timmanifesta fi prodott lest għall-konsum tal-qarrejja. Tajjeb li dan kollu nżommuh f’moħħna, nifhmuh u fuq kollox napprezzawh. Xogħol letterarju u ta’ livell ma jaqax mis-sema. L-awtur irid jhewden, ifassal, jimmaterjalizza ħsibijietu u wara li jgħaqqad jew iwarrab xi wħud minnhom, jgħaddi biex jibda jikteb. Dak li joħroġ mill-pinna mhux dejjem jogħġob lill-kittieb, tant li spiss ikollu jerġa’ jikteb partijiet sħaħ mill-ġdid.
            Sa ma jiġi biex jersaq għand pubblikatur, l-awtur għandu bosta xogħol li spiss ikollu jdur lejn ħbieb tiegħu sabiex jagħtuh daqqa t’id. U fuq kollox jiddependi wkoll fuq it-tip ta’ pubblikazzjoni. Hemm differenza bejn ktieb ta’ poeżiji għal wieħed ta’ novelli, bejn rumanz u ktieb ta’ riċerka. Kull awtur, aktarx li jsib l-aħjar mogħdija biex iterraq fiha, u minn hemm joħroġ ix-xogħol tiegħu. Iżda l-ebda xogħol ma jista’ jilħaq quċċata kemm-il darba ma jiġix stampat jew ma jinqarax.
            Il-kitba tmur lura aktar minn elfejn sena. F’dak il-bidu, l-ewwel kitbiet saru f’suriet ta’ graffitti fuq il-ħaġar, imbagħad fuq l-injam jew fuq il-ħarir. Kien hemm bnadi fejn il-kitba saret fuq twavel tat-tafal u anke fuq il-papiru. L-għan ewlieni tal-awtur kien li jħalli t-tifkiriet u l-ħsibijiet tiegħu lil dawk ta’ warajh. Għalhekk, nistgħu ngħidu li l-ħsieb, sa mill-bidu kien li l-kitba tiġi apprezzata.
            F’pajjiżna għaddejna minn rivoluzzjoni sħiħa kemm fil-kitba kif ukoll fl-istampar. Insibu li sal-bidu tas-seklu li għadda, l-aktar popolari kienu l-faxxikli. L-awtur kien jistampa x-xogħol tiegħu f’ġabra ta’ erba’ jew tmien paġni kull ftit jiem, imbagħad joħorġu jbiegħu dawn il-faxxikli f’xi tilar fl-ibliet u l-irħula. Wara li jintebqu madwar tletin faxxiklu, aktarx li x-xogħol ikun wasal fi tmiemu.  Min jixtri jew jabbona f’dawn il-faxxikli kien jaqrahom u jerfagħhom.  Kien hemm dawk l-uħud li kienu jgħadduhom lil xi stampaturi biex jgħaqqduhom flimkien u jillegawhom f’forma ta’ ktieb.
            Illum, ir-rivoluzzjoni tal-istampar laħqet qċaċet differenti, fejn wara li l-awtur iressaq ix-xogħol tiegħu, fi ftit jiem ikollu f’idejh in-numru ta’ kopji li jkun irid. Imbagħad jgħaddi biex iqassam dan il-ktieb.  Jista’ jkun li hawn għadna ftit lura, għaliex jekk awtur jagħżel li jippubblika xi xogħol, ftit li xejn isib għajnuna tajba u xierqa biex iqassam il-kotba fil-ħwienet. Awtur li jagħmel hekk joħroġ somma flus ġmielha minn butu, u d-distributuri jkunu jridu sehem tajjeb. B’hekk, ftit li xejn tibqagħlu tama li tal-inqas jiġbor flusu.
            Meta nħarsu lejn il-lista ta’ kotba li jkunu ħarġu matul is-sena, wieħed jiskanta kif f’din iċ-ċokon ta’ gżira għandna tant pubblikazzjonijiet. Ħarsa lejn il-kotba li jitressqu għall-premju nsibu li fl-2009 ġew mitbugħa madwar 150 ktieb. Jista’ jkun li hemm oħrajn li għal xi raġuni jew oħra lanqas jitħajru jressqu l-ktieb għal dan il-premju. Iżda 150 ktieb f’popolazzjoni daqstant żgħir, u ċirkulazzjoni ta’ qarrejja ferm iżgħar, huwa numru sabiħ u nkoraġġanti.
            Huwa minnu li dan l-aħħar żdiedu sew il-kotba biografiċi u ta’ riċerka, iżda jidher li l-popolarita` tal-qari baqgħet iffukata lejn in-novella u r-rumanz. Ma’ dawn żdiedet sew l-attivita` fil-kitba u l-produzzjoni ta’ kotba mmirati lejn it-tfal u l-adoloxxenti. Hemm diversi raġunijiet għaliex din ir-rokna bdiet timtela ġmielha, u m’għandniex għalfejn nidħlu f’aktar dettalji.  L-importanti hu li l-ktieb jilħaq u jżomm il-livell tiegħu. L-importanti jibqa’ li l-qarrejja jkomplu jiżdiedu u jsibu l-faraġ u l-avventura fil-qari.
            Forsi f’pajjiżna jonqos xi ħaġa elementari ħafna biex inkomplu nżidu l-qari u nsiru tassew nazzjon li napprezzaw il-ktieb u l-ħidma tal-awtur u l-pubblikatur. Min jaf kieku l-Kunsilli Lokali tagħna, fl-irħula u l-ibliet, jagħmlu monument li jissimbolizza l-ktieb u l-qari?  Min jaf kieku jibda jingħata aktar ġieħ lill-awturi li mietu billi kull ċertu żmien infakkruhom?  Min jaf kieku nibdew nistiednu lill-awturi biex jitkelmu dwar l-esperjenzi tagħhom u aktar, dwar ix-xogħol li jkun għadhom kemm ippubblikaw? Għaliex le, forsi nimxu pass ieħor ’il quddiem!