Wednesday 29 June 2011

Kotba, Kotba Kotba…u min jaqra?


                                    
            Tinħasad meta tisma’ ċerti ħwejjeġ. Tkun trid tgħid li kont tobsor, u allura jfisser ukoll li bħal donnu qatt ma ridt taċċetta, u fl-istess waqt taf li qatt ma kont ridt temmen li s-sitwazzjoni hija daqstant ħażina.  U aktar ma nippruvaw inkunu pożittivi, aktar inkunu qed nidħku bina nfusna. Inkunu qed nixħtu t-trab taħt it-tapin, ngħidu li ġej il-bnazzi meta fil-fatt ikun riesaq lejna l-maltemp.
            Ftit tal-ġimgħat ilu fil-paġna letterarja tal-ġurnal it-Torca konna staqsejna jekk il-Maltin jaqrawx. U fost ħwejjeġ oħra għedna wkoll li hemm mezzi oħrajn ta’ kif nistgħu nħarsu lejn il-qari, u naraw jew noħorġu statistika ta’ kemm tassew hawn nies fost il-Maltin u l-Għawdxin li jaqraw.  Ilmentajna li hawn nuqqas kbir ta’ xiri ta’ kotba, kemm l-awtur ibagħti biex ibiegħ xogħlijietu. Illum nistgħu nżidu wkoll li rokna li tmexxi ’l quddiem il-bejgħ tal-ktieb tinsab biss fost dawk l-awturi li għandhom il-kotba tagħhom fil-kurrikulu. U dan għax il-ktieb irid jinxtara bilfors!  Għax hemm każi fejn meta l-istudent jirnexxilu jikseb in-noti dwar il-ktieb, anke hawn jaħrab milli jixtrih!
            Fejn iwassalna dan kollu?  U għaliex wara biss xahar ħassejna li kellna nerġgħu niktbu dwar dan is-suġġett? 
  • L-ewwel nett għaliex inħossu li għandna nsammru aktar fuq il-musmar…ħa jidħol ġewwa biżżejjed li dawk kollha responsabbli jibdew iħossu l-weġgħa u ma jaħarbux minnha.
  • It-tieni għaliex konxji mir-rata allarmanti ta’ żgħażagħ illitterati li ħerġin mill-iskejjel tagħna llum, fl-2011, ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem sitwazzjoni hekk kerha.
  • It-tielet karba hija għaliex ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem sitwazzjoni li għad hawn min jgħid li l-poplu Malti u Għawdxi jaqra meta l-istampa turi mod ieħor.
  • Ir-raba’ kawża hi l-kummentarju ta’ Kijt Azzopardi fil-paġna tat-22 ta’ Mejju li għadda fejn wera li f’pajjiżna fil-klassi tal-primarja sa fuq nett għad għandna l-attitudni tal-għalliem u l-bqija fil-klassi jridu joqogħdu siekta biex jitgħallmu.
  • Il-ħames u l-aħħar kawża mressqa llum hi dik li dehret fil-ħarġa tat-Torċa tad-29 ta’ Mejju fejn waslitilna l-aħbar li kixfet id-diżastru totali li fost popolazzjoni ta’ 6,000 ruħ fil-belt Valletta, f’sena l-librerija sellfet 237 ktieb, li jfisser lanqas ktieb wieħed kuljum.
            Għaliex qed nippreżentaw dan il-kwadru tant negattiv u ikraħ?  Jaqbel li nibdlu t-tattika jew għandna nibqgħu mixjin mat-triq maqbuda minn ħaddieħor u ngħidu li kollox miexi sew? B’dan li qed nagħmlu kemm naħa u kemm oħra, kif se nqanqlu lill-poplu, kif se nagħmlulu l-kuraġġ jinbidel, kif se nfehmuh li l-qari fih l-akbar tagħlim, kif se nipperswaduh li l-ktieb huwa l-akbar ħabib li qatt ma tista’ tiġġieled miegħu?? Nitolbu lil dawk kollha li jmexxu l-libreriji fil-bliet u l-irħula tagħna biex jagħtuna statistika kemm fl-aħħar sentejn isselfu kotba mingħandhom? Jekk jagħmlu hekk ikunu ta’ għajnuna kbira biex nimxu ’l quddiem.
            Hemm bosta ħwejjeġ li jistgħu jibdlu din l-attitudni u jġiegħluna nkunu aktar pożittivi. Fost dawn żgur li teżisti tama ta’ bidla fis-sistema edukattiva, u bidla akbar fl-ewwel jiem tar-raġuni tat-tifel u t-tifla li jmorru l-iskola.  Ma jistax ikun li nibqgħu ngħaffġulhom rashom bejn il-qxur tal-ktieb u nippressawhom jistudjaw.  Irridu ngħallmuhom jaqraw, u minn dak it-tagħlim, li ma jkunx li nitimgħu r-ross bil-labra, jagħrfu jwieġbu l-mistoqsijiet magħmulin bis-sens fil-karti tal-eżami.  Jagħrfu li mill-qari qed ikabbru l-moħħ, il-ħsieb u l-għerf tagħhom biex jgħixu u jifhmu l-ħajja aħjar minn kif fehmuha u għexuha dawk ta’ qabilhom.
            Lil dawn l-ulied irridu ndaħħluhom f’dinja ġdida fejn nuruhom il-kobor tal-għerf miġbur ġol-ktieb. Nuruhom li minkejja l-biża’ li kellna ftit tas-snin ilu li l-kompjuter se jieħu post il-ktieb, il-ktieb xorta baqa’ qawwi,  xorta baqa’ jeżisti, xorta baqa’ mfittex kemm biex jinqara u kemm biex jiġi rreġistrat fuqu t-tnebbih, l-ispirazzjoni u l-istudju ta’ bosta kittieba madwar id-dinja. Dan huwa eżerċizzju li mhux se jagħtina r-riżultat mil-lum għal għada.  Eżerċizzju li rridu naħdmu ħafna u bis-sħiħ biex nibdew naqtgħu l-frott fl-inqas żmien possibbli.
            Għalhekk, l-almu tagħna jrid jiffoka fuq il-klassijiet tal-kindergarten u l-primarji. Hemm irridu nrawmu l-imħabba u l-għożża lejn il-ktieb. Nuru lil uliedna li fil-ktieb hemm is-soluzzjoni ta’ kollox, hemm il-minjiera tal-għerf, hemm it-tweġiba għal bosta mill-mistoqsijiet li ta’ kuljum jitwieldu f’moħħna. B’hekk inkunu għamilna l-ewwel pass għaqli lejn soċjeta` aħjar, soċjeta` aktar mgħallma u mħarrġa. Dan  għaliex minbarra li nrawmu l-imħabba lejn il-ktieb, inkunu wkoll qed neqirdu l-illitteriżmu u ngħinu biex jissawru l-karattri sħaħ ta’ soċjeta` li tassew tifhem u taħseb qabel ma twettaq. Soċjeta` li tagħraf tistaqsi lilha nfisha u ssawwar il-ħsieb, u mhux soċjeta` li toqgħod għal dak li jgħidulha, dak li jgħallmuha mingħajr ma tistaqsi l-kif u l-għaliex.
            Ejjew mela nkunu protagonisti fit-tiswir ta’ din is-soċjeta` ta’ għada li fiha jkun hemm subien u bniet għaqlin li għamlu użu sħiħ mill-ktieb, u li għal kull kelma li ngħidulhom, jgħidulna:  imma t-tali awtur mhux hekk qal u mhux hekk kiteb, jew għandek raġun għax dik l-awtriċi hekk kitbet u hekk fissret fix-xogħol tagħha.

No comments:

Post a Comment