Wednesday, 29 June 2011

Jien rifless f'poezija

weġgħet il-kelma…

ix-xewqa tal-arti
tittewweb biex nagħti
minn ħini meta għajjien
minn saħti meta mifluġ
            ħa nsawwar kitba ġdida
            mill-ħsieb profound
            ta’ ġirja
            minn kewkba għall-oħra

ix-xewqa tal-għanja
li qatt ma nkitbet
tistejqer la nqum
’l għada li nixrob xarba
li ssaffi l-intern
            ħa minn qiegħ l-art
            mill-ħsieb immerraq
            nibni kliem
            minn dinja għal dinja
u ninftiehem
u nikber
fl-univers imkabbar
u ngħib
nitnikket
fil-qiegħa tal-art
            li tilfet it-tama
            li baqgħet tistenna x-xita
            li tixtieq tinħadem mill-ġdid
            minn dak il-bidwi
            li ħabbha u miet

hekk l-arti titlibbes
bil-ġmiel tal-ewwel ħolqien

fg                     30.05.2011

No comments:

Post a Comment