Thursday 13 October 2011

Il-ħsieb letterarju


            Naqblu li f’pajjiżna, il-poeżija ftit li xejn infittxuha.  Ftit ferm huma dawk li jaqraw il-poeżija, u allura, bir-raġun kollu l-bejgħ tal-kotba tal-poeżiji huwa baxx ħafna. Minn dak li naraw u nħossu, bil-korrispondenza li nirċievu, ftit wisq huma dawk li jitħajru, jew iħossu l-ġibda li jiktbu l-poeżija. Imbagħad, ftit fuq li ftit huma dawk li jippubblikaw il-poeżija.
            Issib awturi, li titkellem magħhom u jgħidulek li jekk jaslu li jippubblikaw xogħlijiethom fi ktieb ta’ poeżiji – jispiċċaw biex iqassmu l-kotba lill-ħbieb. Minn dan nintebħu li, minbarra li fil-karattru tiegħu l-poeta huwa xi ftit riservat, maqtugħ għalih waħdu,  il-ħajja tal-poeta qed tkompli tingħalaq. F’pajjiżna ftit li xejn jeżisti ftuħ fejn il-poeta jista’ jesprimi lilu nnifsu. Jitkellem dwar dak li jkun qed iħoss u xi jkun qed jikteb.
            Allura qed nispiċċa bil-parti l-kbira ta’ dawk li jiktbu l-poeżija, jagħmlu dan bħala sfog. Jiktbu u jħallu l-poeżiji maqfula f’xi ktejjeb, f’xi kexxun. It-tama tagħhom hija biss, li xi paġna letterarja bħal din tagħtihom ftit spazju fejn ikunu jistgħu jimirħu. Fejn jaraw il-versi tagħhom jidhru iswed fuq l-abjad, bit-tama li jinqraw.
            Ninsabu kuntenti li din il-paġna letterarja tintlaqa’ tajjeb minn udjenza mħawra u miftuħa. Tkellmu magħna żgħażagħ, u anke anzjani ta’ ’l fuq minn tmenin sena li jsegwu dak li nwasslu kull nhar ta’ Ħadd. Dan huwa ta’ nkoraġġiment kbir, iżda mhux biżżejjed biex il-poeta jilħaq l-għanijiet tiegħu. Il-poeta jinħtieġ l-inkoraġġiment tal-pubblikazzjoni, il-wens tal-qarrejja mal-kritika kostruttiva tagħhom, flimkien ma’ għarfien f’kull livell ieħor tal-ħajja.
            Għalhekk, bilfors li l-argument tagħna jmur lejn is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. U hawn nistaqsu: x’inhu l-mod li bih qed tiġi ppreżentata u mgħallma l-poeżija Maltija? Liema poeżiji qed jinqraw lill-istudenti tagħna?  Liema poeti qed jitressqu quddiem l-istudenti biex jistudjawhom u jikkritikawhom? U dan kollu kif qed isir? 
            Jekk dawn il-miri se jibqgħu mmirati u ffukati fuq l-istess poeti m’aħna se naslu mkien.  Jekk se nibqgħu ntambru fuq l-istess sistema ta’ tagħlim li ma ħallietx riżultati pożittivi, m’aħniex se nilħqu l-miri meħtieġa u mistennija. Jekk it-tagħlim se jibqa’ mibni fuq l-għan li l-istudent jgħaddi mill-eżami – ma nkunu għamilna l-ebda qabża ’l quddiem. Jekk fuq kollox se ngħallmu l-poeżija għar-raġuni li din tinsab imdeffsa fil-kurrikulu, m’aħna se nġarrfu qatt il-ħitan li qed ixekklu l-poeżija u l-poeti.
            Żgur li wasal il-waqt li nfasslu qafas ġdid dwar kif għandha tiġi ppreżentata l-poeżija lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum u ta’ għada. Żgur li wasal iż-żmien li ngħaddu l-ktieb f’idejn uliedna bħala rigal, bħala ħabib – u mhux aktar bħala dixxiplina għax mingħajru ma jaslux li jilħqu fejn iridu. Diġa` xħetna pass lejn direzzjoni ħażina meta bħala sostitut għall-ktieb instab il-mezz tan-noti. Għax bin-noti jkun hemm tagħrif biżżejjed biex l-istudent – flok iqatta’ ċertu ammont ta’ ħin fuq il-ktieb – jgħaddi n-noti u jkollu l-bażi, jekk mhux aktar ukoll biex iwieġeb il-mistoqsijiet fil-karta tal-eżami.
            X’kien ir-riżultat minn din l-esperjenza? Tfal u żgħażagħ jgħaddu s-snin tal-iskola f’ġirja sħiħa sa ma jaslu għall-eżamijiet u jeħilsu. Mingħajr ma ddedikajna ħin biżżejjed biex nuruhom is-sabiħ tal-qari, il-benna li tinstab fil-ktieb innifsu. Żgur li għadna l-bogħod mill-metodu li bih għandna ngħaddu l-ktieb lill-istudenti, b’mod li jgħożżuh u jibqgħu jfittxuh anke wara li jiksbu ċ-ċertifikati jew jiggradwaw.
            Għalhekk hu meħtieġ li nibdlu t-triq.  Nibdlu s-sistema. Nintroduċu uċuħ u ideat oħrajn biex bihom inwasslu l-ktieb u l-kontenut tiegħu b’aktar għaqal u mħabba. Forsi wkoll wasal iż-żmien li nibdlu l-ktieb innifsu biex dan ikun aktar ilellex, aktar ħabib, aktar żagħżugħ. U dan jista’ jsir billi jkun hemm parteċipazzjoni u firxa sħiħa ta’ kitbiet. Ngħidu aħna, fil-poeżiji ppreżentati lill-istudenti, kemm hemm poeżiji li jirriflettu ħsibijiet dwar il-ġrajjiet kurrenti? Kemm hemm poeżiji li nistgħu nqisuhom bħala l-mera taż-żmien post-kolonjali, tal-mużika moderna, tal-moda u l-istil tal-ħajja bis-sabiħ u l-ikreħ tagħha li tinbidel mal-milja tas-snin?
            Dan juri wkoll li l-poeta għandu jkun ukoll modern. Għandu joħroġ minn kamartu, jterraq fit-toroq tan-nies, iħoss l-ajma u d-daħk tal-kotra u minn hemm jitnebaħ jew tal-inqas jasal biex iżejjen il-poeżija bl-idjoma ta’ ħsus il-poplu. Irridu ngħallmu u nuru li l-poeżija, minnha nfisha hija arti. Arti li tgħodd ferm għall-ħajja mgħaġġla ta’ llum. U dan mhux l-ewwel darba li għednieh u wassalnieh minn din il-paġna. L-Arti tal-poeta hija li fi ftit kliem jgħid u jwassallek storja li ssoltu trid kwarta jew aktar biex taqra u tifhem. Fil-ħajja mgħaġġla ta’ llum forsi mhux la kemm issib kwarta…iżda żgur li ssib tliet minuti biex taqra poeżija!
U nerġgħu lura lejn fejn bdejna.  Il-poeta qed jagħmel dan kollu biex ikun imfittex mill-qarrejja? U, il-poeta qed jingħata dan l-isfog biex wara li jimraħ u jikteb it-tnebbih, jara x-xogħol tiegħu mwassal lill-qarrejja u, fuq kollox lill-istudenti li huma l-ġenerazzjoni ta’ għada? 

No comments:

Post a Comment