L-istorja tal-ktieb toħodna lura sekli sħaħ. Sekli li fihom il-bniedem ħabbel moħħu biex jara fejn u kif jista’ jirreġistra ħsibijietu u hekk ikollu xhieda ta’ dak li kellu xi jgħid jew jagħmel. Il-ktieb sar il-passatemp ewlieni għal ħafna nies. Passatemp għall-kittieb u l-qarrejja u, xogħol għall-istampaturi u l-pubblikaturi. Il-ktieb sar ukoll mezz ta’ komunikazzjoni sabiex l-awturi jwasslu l-ġrajjiet ta’ pajjiżhom lil ġnus oħra li aktarx kienu jgħixu ħajja differenti minn tagħhom. F’pajjiżi kbar u għal ilsna partikulari l-ktieb sar ukoll industrija.
L-istorja tal-ktieb f’pajjiżna hija waħda antika li fiha nġabru l-għemejjel u x-xogħlijiet ta’ bosta awturi u riċerkaturi ta’ ġrajjietna. Iżda sfortunatament iċ-ċirkulazzjoni tal-ktieb f’pajjiżna, aktar u aktar bl-ilsien Malti dejjem baqgħet waħda limitata. Kellha tkun l-inizjattiva tal-kittieba u l-pubblikaturi li minn żmien għal żmien taw l-injezzjoni meħtieġ biex żammew il-ktieb ħaj. U magħhom, naturalment il-qarrejja li mimlija ħeġġa dejjem sabu l-aħjar mogħdija taż-żmien fil-qari.
Fl-aħħar snin tperrċu ħafna ideat dwar il-futur tal-ktieb. Bl-avvanz fit-teknoloġija bosta bassru li l-ktieb kien se jispiċċa għax in-nies kellha titħajjar iddur lejn il-kitba u l-qari mill-mezzi teknoloġiċi aktar u aktar mat-twelid tal-internet. Kienet rivoluzzjoni qawwija li riegħdet is-sisien tas-sistema tradizzjonali kif konna nafuha għal għexieren kbar ta’ snin. Kienet biċċa uġigħ ta’ ras ġdida għall-awturi u l-pubblikaturi li bdew ifittxu kull mezz attraenti sabiex bih iżomm l-ktieb fil-wiċċ.
Illum nistgħu ngħidu li l-ktieb għadda minn dan il-maltemp b’wiċċ il-ġid. Rebaħ fuq il-ħalel u l-irwiefen u għadda ’l quddiem. Dan għaliex il-bniedem fehem li l-kelma miktuba u maħżuna fuq l-ixkafef tal-librerija hija l-aqwa mezz u l-aktar wieħed realistiku.
Illum il-pubblikazzjonijiet żdiedu anke fil-gżejjer tagħna. Bħal f’kull żmien ieħor insibu kotba li jagħmlu sens u tħoss li għandek tixrihom u żżommhom għaliex jibqgħu jgħoddu bħala kotba ta’ referenza. Proċess li wasalna għalih grazzi għall-inizjattiva u d-dedikazzjoni ta’ bosta awturi Maltin u Għawdxin – li mingħajr ma fittxew l-interessi personali għamlu l-istudju u t-tiftix biex ħarġu kotba ta’ livell f’kull qasam. Ma rridux ninsew ukoll lil dawk il-ħafna li ppubblikaw kotba mmirati għall-iskejjel, kotba akkademiċi kif ukoll dizzjunarji. L-ammont ta’ ħin għal xogħol bħal dan m’hemm l-ebda ħlas għalih!
Għalhekk, minn din il-paġna, filwaqt li nissuktaw nagħmlu kuraġġ lil dawk l-awturi li jiddedikaw parti sew minn ħinhom għal dan ix-xogħol, nappellaw lill-poplu tagħna biex japprezza x-xogħol ta’ valur kbir li qed jistagħna l-letteratura u l-istorja ta’ pajjiżna. Dawn huma awturi li għandna nħossuna kburin bihom. Dawn huma kotba li jagħmlulna ġieħ u jkattru l-għerf u t-tiftix tal-awtur fil-paġni ta’ bejn il-qoxra tal-ktieb. Għalhekk, minn hawn irridu nħeġġu lill-qarrejja ta’ dawn il-gżejjer biex minn żmien għal żmien jersqu lejn il-libreriji ħalli minn hemm jiġbru u jdommu l-ħidma sfiqa tal-awturi Maltin u Għawdxin.
Nota: Għajjejt nidħol fi ħwienet u mmur f’restoranti u meta nitkellem bil-Malti jgħiduli biex nitkellem bl-Ingliż. Tgħid se nispiċċa stranġier f’pajjiżi?
No comments:
Post a Comment